
Fl-ewwel jiem ta’ Diċembru, Giorgia Mae u jien tajna bidu għar-raba’ edizzjoni ta’ Rigal bi Mħabba.
Flimkien man-nies miġbura, segwejna b’interess il-prestazzjoni li taw il-kor La Voix Studios; kor li kanta kanzunetti differenti u kien parti mill-ħolma taż-żagħżugħ Jake Vella li jagħmlu kanzunetta lkoll flimkien bl-isem “Inwettqu l-Ħolm.”
L-aħħar edizzjonijiet ta’ din l-inizjattiva kienu ta’ suċċess u konvinta li bil-ġenerożità tiegħek, l-edizzjoni ta’ dis-sena se terġa’ tassigura mill-ġdid li kull tifel u tifla jesperjenzaw il-ferħ ta’ rigal f’dawn il-jiem sbieħ tas-sena.
Is-sejħa ġenwina tiegħi biex in-nies ipoġġu rigal taħt is-siġra tal-Milied fi Pjazza Kastilja bdiet u l-qofol tal-kampanja se jintlaħaq nhar il-21 ta’ Diċembru fi Pjazza Kastilja b’Villaġġ tal-Milied mill-isbaħ.
Din l-inizjattiva twieldet minn ħolma li kelli snin ilu bil-għan li l-Milied jitgawda mit-tfal kollha; irrispettivament mill-ostakli li jġarrbu u li ma jħallihomx igawdu l-ferħ sempliċi li jġib miegħu rigal fl-isbaħ żmien tas-sena.
Jekk tixtieq li tingħaqad mill-ġdid f’din l-inizjattiva, nistiednek taħseb f’rigal għal tifel jew tifla sa 12-il sena u tpoġġih taħt is-siġra tal-Milied fi Pjazza Kastilja.
Konvinta li bl-imħabba tiegħek se nkomplu nferrħu iżjed tfal.
Inselli għalikom.
Dr Lydia Abela
Mart il-Prim Ministru